European Commission logo
English English
CORDIS - EU research results
CORDIS

Article Category

Story
Content archived on 2024-04-23

Article available in the following languages:

Malta tagħmel passi ta’ ġgant fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda minkejja ċ-ċokon tagħha

Għal uħud, Malta hija waħda mill-aqwa destinazzjonijiet turistiċi fl-Ewropa, billi toffri xemx is-sena kollha, kultura unika u ħafna monumenti storiċi u arkitettoniċi. Iżda l-gżira saret magħrufa wkoll bħala ċentru ta’ ħila teknoloġika, u tipprovdi bażi ta’ prova perfetta, pereżempju, għall-bini ta’ infrastruttura eċċellenti tal-eGovernment. Nibtu wkoll għadd kbir ta’ negozji mmexxija mill-ICT bħala riżultat tal-impenn tal-gżira lejn ir-riċerka fil-qasam tal-ICT.

“Id-daqs tal-gżira jagħmilha ideali għall-ikkalibrar ta’ inizjattivi tal-e-government,” jispjega l-Prof Ernest Cachia, Dekan tal- fakultà tal-ICT fi ħdan l-Università ta’ Malta. “Hemm il-firxa sħiħa ta’ servizzi tal-gvern iżda fuq skala iżgħar, u b’hekk nistgħu nirċievu r-riżultati aktar malajr. Iċ-ċokon għandu l-vantaġġi tiegħu!” B’riżultat ta’ dan, il-gżira hija kburija li għandha waħda mill-aqwa sistemi ta’ eGovernment fl-UE. Malta ġabet 94 punt għall- eGovernment fid- Digital Agenda Scoreboard tal-2012-2013, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 70, u 96 għal eGovernment trasparenti, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 49. Ir-riżultat aħħari huwa li kważi s-servizzi governattivi kollha issa jinsabu fuq l-internet, u Malta titqies bħala mexxejja dinjija f’dan il-qasam. “eGovernment jirrifletti l-kultura b’saħħitha ta’ Malta fl-ippjanar fil-qasam tal-ICT,” jgħid Alexander Borg, konsulent ta’ riċerka u innovazzjoni fi ħdan il- Malta Information Technology Agency (MITA). “L-investiment għen ukoll biex jinħolqu spin-offs importanti u jiġi ġġenerat effett ta’ ġibda fuq l-ekonomija. L-eGovernment huwa wkoll mod aħjar biex nilħqu liċ-ċittadini, u juri lid-dinja li l-ICT huwa importanti għall-pajjiż.” Tabilħaqq, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħalissa qiegħed jikkontribwixxi għal proġett ta’ ICT iffinanzjat mill-UE bit-titolu IDEALIST2014. L-objettiv ta’ din l-inizjattiva huwa li tissaħħaħ in-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (National Contact Points - NCP) għall-ICT taħt FP7, permezz ta’ promozzjoni ulterjuri tal-kooperazzjoni transnazzjonali fuq kwistjonijiet bħas-sigurtà, it-trasport, l-enerġija u s-saħħa. L-NCPs ġew stabbiliti fit-28 Stat Membru tal-UE (u xi pajjiżi terzi) sabiex jingħata appoġġ u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fi skemi ta’ finanzjament tal-UE għall-ICT. Dan il-proġett partikolari għandu jitlesta f’Settembru 2014. Żblukkar tal-potenzjal tas-settur privat Is-settur privat ta’ Malta ibbenefika wkoll minn investiment sinifikanti fl-ICT. “Dan tabilħaqq sar settur ta’ tkabbir sinifikanti,” jgħid il-Profs Cachia. “Mill-industrija tal-gaming għal dik tal-betting, u l-online portals, rajna tkabbir li jġiblek għajnejk wara widnejk. Il-kumpaniji li jiġu lejn din il-gżira jistaqsu dwar il-kwalità tal-lawreati, u dejjem jibqgħu impressjonati bil-firxa ta’ speċjalizzazzjoni li għandna.” Il-fakultà speċjalizzata fl-ICT fi ħdan l-Università ta’ Malta għenet biex tipprovdi lill-gżira b’nixxiegħa ta’ ħila kkwalifikata, u l-persunal tal-fakultà kien involut f’għadd ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE. Barra minn hekk, in-negozji Malti saru involuti b’mod attiv f’riċerka transkonfinali ffinanzjata mill-UE. Eżempju tajjeb huwa l-proġett ICT VENTUREGATE, li tlesta fl-2012. Din l-inizjattiva, li hija mmirata biex tħeġġeġ kooperazzjoni bejn l-SMEs u investituri fl-innovazzjoni, kienet ikkoordinata mill-organizzazzjoni Maltija Paragon. Il-proġett żviluppa b’suċċess bosta għodda tat-taħriġ elettroniku għall-SMEs biex ikunu lesti għall-investiment, u b’mod aktar importanti pjattaforma virtwali għall-ħolqien ta’ sħubijiet. Proġett simili li jinsab għaddej huwa EUROPEAN INVESTOR GATE (EIG), li jibqa’ għaddej sal-2015. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jindirizza l-fatt li l-Ewropa għadha lura fl-isfruttar kummerċali tat-teknoliġija, billi jipprovdi lill-intraprendituri b’aċċess aħjar għall-finanzi. “Benefiċċju prinċipali ta’ FP7 huwa n-netwerking,” jgħid is-Sur Borg. “Bħala pajjiż żgħir, aħna niddependu ħafna fuq l-esportazzjoni u l-kummerċ. Il-parteċipazzjoni f’FP7 tippermettielna nkabbru l-kapaċitajiet tagħna.” Investiment soċjali Il-gżira kienet involuta wkoll f’għadd ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE b’dimensjoni soċjali. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni Maltija fis-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-UE FP-7 kienet l-ogħla fl-Objettivi Strateġiċi tal-ICT għat-Tagħlim u l-ICT għas-Saħħa. Waħda mill-inizjattivi ffinanzjati mill-UE li tinsab għaddejja bħalissa – li tinvolvi lill-Università ta’ Malta – hija l-proġett bl-isem”Integrated Intelligent Learning Environment for Reading and Writing” (ILEARNRW) (Ambjent ta’ Tagħlim Integrat u Intelliġenti għall-Qari u l-Kitba). L-għan ta’ dan il-proġett, li jibqa’ għaddej sal-2015, huwa biex jiġi żviluppat softwer ta’ tagħlim tal-ġenerazzjoni li jmiss li jgħin lit-tfal bid-diżleksja. Proġett importanti ieħor li jinsab għaddej bit-titolu Translational Research and Patient Safety in Europe (TRANSFORM) (Riċerka Translazzjonali u Sigurtà tal-Pazjenti fl-Ewropa) għandu l-mira li jivżiluppa infrastruttura ta’ dejta li tintegra attivitajiet kliniċi u ta’ riċerka, sabiex jingħata appoġġ aħjar għas-sigurezza tal-pazjenti u r-riċerka klinika. Il- Mediterranean Institute of Primary Care kien involut f’dan il-proġett ta’ €9m. Minn infrastruttura pijuniera ta’ eGovernment għall-kontribut li tat għal xi proġetti ewlenin pan-Ewropej, Malta vvintat lilha nfisha mill-ġdid bħala sieħba importanti biex tressaq ‘il quddiem il-ħila teknoloġika Ewropea. Id-daqs modest tal-gżira ntuża bħala vantaġġ importanti, u b’riżultat ta’ dan il-pajjiż ikompli jagħmel passi ta’ ġgant fix-xena internazzjonali minkejja ċ-ċokon tiegħu. F’dinja globalizzata, Malta kienet uriet li l-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir fi żmien ta’ bidla teknoloġika kbira jeħtieġ flessibbiltà, viżjoni u investiment. L-impenn tal-gżira lejn riċerka kollaborattiva hija xhieda ta’ dan.

Keywords

Malta, ict, egovernment, etraining, research, FP7